“Emmen f’Ġesù”—Huwa Biżżejjed li Temmen f’Ġesù Biex Issalva?
It-tweġiba tal-Bibbja
Il-Kristjani jemmnu li Ġesù miet minħabba d-dnubiet tal-bnedmin. (1 Pietru 3:18) Imma s-salvazzjoni teħtieġ iktar milli temmen f’Ġesù bħala s-Salvatur. Id-demonji jafu li Ġesù hu “l-Iben t’Alla,” imma huma se jinqerdu, u mhux se jsalvaw.—Luqa 4:41; Ġuda 6.
X’għandi nagħmel biex insalva?
Int għandek temmen li Ġesù ssagrifika ħajtu għal dnubietna. (Atti 16:30, 31; 1 Ġwanni 2:2) Dan jinkludi li temmen li Ġesù kien persuna vera u li dak kollu li l-Bibbja tgħid dwaru hu eżatt.
Sir af dak li l-Bibbja tgħallem verament. (2 Timotju 3:15) Il-Bibbja tgħid li l-appostlu Pawlu u Sila qalu lil għassies tal-ħabs: “Emmen fil-Mulej Ġesù u tiġi salvat.” Wara dan bdew jgħallmu “l-kelma taʼ Ġeħova” a lill-għassies. (Atti 16:31, 32) Dan juri li l-għassies bilfors kellu jifhem l-affarijiet bażiċi tal-Kelma t’Alla biex jemmen f’Ġesù. Hu kellu bżonn għarfien eżatt ibbażat fuq l-Iskrittura.—1 Timotju 2:3, 4.
Indem. (Atti 3:19) Int għandek ukoll tindem minn affarijiet ħżiena li kont taħseb dwarhom u li għamilt fil-passat. Li tindem ifisser li tħoss niket kbir. Meta tindem oħrajn se jindunaw, għax tkun waqaft tagħmel dak li Alla ma jħobbx u tibda tagħmel affarijiet li “jixirqu lill-indiema.”—Atti 26:20.
Tgħammed. (Mattew 28:19) Ġesù qal li dawk li jsiru dixxipli tiegħu kellhom jitgħammdu. L-għassies li ssemma qabel tgħammed. (Atti 16:33) B’mod simili, wara li l-appostlu Pietru għallem il-verità dwar Ġesù lil folla kbira, “dawk li laqgħu l-kelma tiegħu mill-qalb tgħammdu.”—Atti 2:40, 41.
Obdi l-istruzzjonijiet taʼ Ġesù. (Ebrej 5:9) Dawk li “josservaw dak kollu” li Ġesù kmanda għandhom juru li jridu jkunu s-segwaċi tiegħu bil-mod kif jgħixu. (Mattew 28:20) Huma jsiru dawk li ‘jagħmlu l-kelma, u mhux jisimgħuha biss.’—Ġakbu 1:22.
Issaporti sal-aħħar. (Marku 13:13) Id-dixxipli taʼ Ġesù ‘jeħtieġu s-sabar’ biex jiġu salvati. (Ebrej 10:36) Pereżempju, l-appostlu Pawlu qagħad attent li jobdi dak kollu li Ġesù għallem, u dejjem kien leali lejn Alla. Hu baqaʼ jgħix b’dan il-mod minn meta sar Kristjan sakemm miet.—1 Korintin 9:27.
Xi ngħidu għall-“Att tal-Indiema”?
F’xi reliġjonijiet, in-nies jgħidu ċertu talb bħall-“Att tal-Indiema.” Normalment dawk li jitolbu jammettu li dinbu u juru li jemmnu li Ġesù miet għal dnubiethom. Huma wkoll jitolbu lil Ġesù biex jidħol f’qalbhom jew f’ħajjithom. Imma l-Bibbja la ssemmi u lanqas tħeġġeġ biex ngħidu t-talba tal-“Att tal-Indiema” b’mod ripetut.
Xi nies jemmnu li wara li xi ħadd jgħid l-“Att tal-Indiema,” hu jkun aċċertat li se jsalva. Imma l-ebda talba ma tiggarantixxi s-salvazzjoni sempliċiment għax tgħidha. Bħala bnedmin imperfetti aħna nkomplu niżbaljaw. (1 Ġwanni 1:8) Huwa għalhekk li Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu regolarment għall-maħfra tad-dnubiet. (Luqa 11:2, 4) Iżjed minn hekk, xi Kristjani tilfu l-opportunità li jgħixu għal dejjem għax tbiegħdu minn Alla.—Ebrej 6:4-6; 2 Pietru 2:20, 21.
Kif bdiet it-talba tal-“Att tal-Indiema?”
Xi storjografi ma jaqblux bejniethom dwar l-oriġini tal-“Att tal-Indiema.” Uħud jgħidu li t-tradizzjoni bdiet matul iż-żmien tar-Riforma Protestanta (li beda fl-1517). Oħrajn jemmnu li n-nies bdew jgħidu l-“Att tal-Indiema” matul il-movimenti reliġjużi tas-seklu 18 u 19. Bdiet meta bdiet, din il-prattika mhijiex appoġġjata mill-Iskrittura—fil-fatt tmur kontra t-tagħlim tal-Bibbja.
a Ġeħova hu l-isem t’Alla bħalma turina l-Bibbja.