Miet Ġesù fuq Salib?
It-tweġiba tal-Bibbja
Ħafna jqisu s-salib bħala l-iktar simbolu komuni tal-Kristjanità. Madankollu, il-Bibbja ma tiddeskrivix fuq xiex miet Ġesù. Għalhekk, ħadd ma jaf b’ċertezza assoluta x’forma kellu l-istrument li miet fuqu Ġesù. Però, il-Bibbja fiha evidenza li Ġesù ma mietx fuq salib, imma fuq zokk wieqaf.
Il-Bibbja normalment tuża l-kelma Griega stawros meta tirreferi għal dak li miet fuqu Ġesù. (Mattew 27:40; Ġwanni 19:17) Għalkemm it-traduzzjonijiet spiss jittraduċu din il-kelma bħala “salib,” ħafna studjużi jaqblu li t-tifsir bażiku taʼ din il-kelma fil-fatt hu “zokk wieqaf.” a Skont dizzjunarju tal-kliem Grieg fit-Testment il-Ġdid, il-kelma stawros “qatt ma tfisser biċċtejn injam magħqudin flimkien f’xi angolu.”—A Critical Lexicon and Concordance to the English and Greek New Testament.
Il-Bibbja tuża wkoll il-kelma Griega ksilon bħala kelma oħra għal stawros. (Atti 5:30; 1 Pietru 2:24) Din il-kelma tfisser “injama,” “għuda,” “zokk,” jew “siġra.” b B’hekk, il-ktieb The Companion Bible jikkonkludi: “M’hemm xejn fil-Grieg tat-T[estment] il-Ġ[did] li jistaʼ saħansitra jimplika biċċtejn injam.”
Jaċċetta Alla l-użu tas-salib fil-qima?
Kienet x’kienet il-forma tal-istrument li miet fuqu Ġesù, il-fatti u l-versi tal-Bibbja li ġejjin jindikaw li m’għandniex nużaw is-salib fil-qima.
Alla ma jaċċettax qima li fiha jintużaw xbihat jew simboli, inkluż is-salib. Alla kkmanda lill-Iżraelin biex ma jużaw l-ebda “forma taʼ xi simbolu” fil-qima tagħhom, u bl-istess mod il-Kristjani ntqalilhom biex ‘jaħarbu mill-idolatrija.’—Dewteronomju 4:15-19; 1 Korintin 10:14.
Il-Kristjani tal-ewwel seklu ma kinux jużaw is-salib fil-qima tagħhom. c It-tagħlim u l-eżempju tal-appostli jħallu mudell li l-Kristjani kollha għandhom isegwu.—2 Tessalonikin 2:15.
L-użu tas-salib fil-qima għandu oriġini pagana. d Mijiet taʼ snin wara l-mewt taʼ Ġesù, meta l-knejjes kienu tbiegħdu mit-tagħlim tiegħu, membri ġodda tal-knejjes “ġeneralment kienu jitħallew iżommu s-sinjali u s-simboli pagani tagħhom,” inkluż is-salib. (The Expanded Vine’s Expository Dictionary of New Testament Words) Madankollu, il-Bibbja ma tapprovax li jiġu adottati simboli pagani biex jikkonvertu iktar nies.—2 Korintin 6:17.
a Ara New Bible Dictionary, Third Edition, edited by D. R. W. Wood, paġna 245; Theological Dictionary of the New Testament, Volume VII, paġna 572; The International Standard Bible Encyclopedia, Revised Edition, Volume 1, paġna 825; u The Imperial Bible-Dictionary, Volume II, paġna 84.
b Ara The Expanded Vine’s Expository Dictionary of New Testament Words, paġna 1165; A Greek-English Lexicon, minn Liddell u Scott, Ninth Edition, paġni 1191-1192; u Theological Dictionary of the New Testament, Volume V, paġna 37.
c Ara Encyclopædia Britannica, 2003, taħt “Cross”; The Cross—Its History and Symbolism, paġna 40; u The Companion Bible, Oxford University Press, appendiċi 162, paġna 186.
d Ara The Encyclopedia of Religion, Volume 4, paġna 165; The Encyclopedia Americana, Volume 8, paġna 246; u Symbols Around Us, paġna 205-207.