X’inhi profezija?
It-tweġiba tal-Bibbja
Profezija hija messaġġ ispirat minn Alla, rivelazzjoni divina. Il-Bibbja tgħid li profeti “tkellmu minn Alla skond kif tmexxew mill-ispirtu qaddis.” (2 Pietru 1:20, 21) Allura, profeta hu wieħed li jirċievi messaġġ mingħand Alla u jgħaddih lin-nies.—Atti 3:18.
Il-profeti kif irċivew l-informazzjoni mingħand Alla?
Alla uża diversi metodi biex jgħaddi l-ħsibijiet tiegħu lill-profeti tiegħu:
Bil-kitba. Alla uża dan il-metodu minn tal-inqas f’każ wieħed meta pprovda direttament lil Mosè l-Għaxar Kmandamenti bil-miktub.—Eżodu 31:18.
Komunikazzjoni permezz tal-anġli. Pereżempju, Alla uża anġlu biex jgħid lil Mosè dwar il-messaġġ li kellu jwassal lill-Fargħun tal-Eġittu. (Eżodu 3:2-4, 10) Meta kliem speċifiku kien taʼ importanza kbira, Alla qabbad lil xi anġli biex jgħidu bl-eżatt il-messaġġ tiegħu, kif għamel meta qal lil Mosè: “Niżżel bil-miktub . . . dan il-kliem, għaliex hu fi qbil maʼ dan il-kliem li se nagħmel patt miegħek u maʼ Israel.”—Eżodu 34:27. a
Viżjonijiet. Dawn xi drabi kienu jingħataw meta l-profeta kien ikun imqajjem u f’sensih għalkollox. (Isaija 1:1; Ħabakkuk 1:1) Xi wħud minnhom tant kienu ċari li min jirċivihom kien jieħu sehem fihom. (Luqa 9:28-36; Rivelazzjoni 1:10-17) Xi drabi oħra, il-viżjonijiet kienu jingħataw meta l-profeta kien ikun mitluf f’estasi. (Atti 10:10, 11; 22:17-21) Alla wkoll għadda l-messaġġ tiegħu permezz taʼ ħolm waqt li l-profeta kien ikun rieqed.—Danjel 7:1; Atti 16:9, 10.
Gwida mentali. Alla ggwida l-ħsibijiet tal-profeti tiegħu biex iwasslu l-messaġġ tiegħu. Dan hu dak li trid tfisser il-Bibbja fl-istqarrija: “L-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla.” Il-frażi “mnebbħa minn Alla” tistaʼ tiġi tradotta wkoll ‘bin-nifs t’Alla.’ (2 Timotju 3:16; The Emphasised Bible) Alla uża l-ispirtu qaddis tiegħu, jew il-forza attiva, biex jagħti ‘n-nifs’ lill-ideat tiegħu fl-imħuħ tal-qaddejja tiegħu. Il-messaġġ kien t’Alla, imma l-profeta kien jagħżel kif ipoġġi l-kliem.—2 Samwel 23:1, 2.
Profezija dejjem tinvolvi tbassir dwar il-futur?
Le, profezija tal-Bibbja mhux dejjem tgħid x’se jiġri fil-futur. Però, il-maġġorparti tal-messaġġi mingħand Alla dejjem ikunu relatati mal-futur, anke jekk b’mod indirett. Pereżempju, il-profeti t’Alla ripetutament wissew lill-Iżraelin tal-qedem dwar il-mod taʼ ħajja mill-agħar tagħhom. Dawn it-twissijiet kienu jfakkruhom fil-barkiet futuri jekk jagħtu kas, u wkoll dwar il-gwaj li kien se jkollhom fil-futur jekk ma jisimgħux. (Ġeremija 25:4-6) Ir-riżultat kien jiddependi skont l-għażliet li l-Iżraelin kienu se jagħmlu.—Dewteronomju 30:19, 20.
Eżempji taʼ profeziji tal-Bibbja li ma jinvolvux tbassir
F’okkażjoni waħda, meta l-Iżraelin sejħu lil Alla għall-għajnuna, hu ma kienx għenhom. Allura, bagħtilhom profeta biex jispjegalhom li dan għamlu għax huma ma kinux obdew il-kmandamenti Tiegħu.—Imħallfin 6:6-10.
Meta Ġesù tkellem mal-mara Samaritana, hu rrivela affarijiet dwar il-passat tagħha li setaʼ jkun jafhom biss permezz taʼ rivelazzjoni divina. Hi ndunat li kien profeta avolja ma kien bassar xejn dwar il-futur.—Ġwanni 4:17-19.
Fil-ġuri taʼ Ġesù, l-għedewwa tiegħu għattewlu wiċċu, sawtuh, u mbagħad qalulu: “Ipprofetizza. Min sawtek?” Huma ma kinux qed jgħidulu biex ibassar il-futur imma biex permezz taʼ qawwa divina jgħidilhom min kien qed jagħtih id-daqqa.—Luqa 22:63, 64.
a Għalkemm f’dan l-eżempju għall-ewwel jaf jidher li Alla tkellem b’mod dirett maʼ Mosè, il-Bibbja turi li Alla uża l-anġli biex iwassal il-patt tal-Liġi Mosajka.—Atti 7:53; Galatin 3:19.