X’inhi l-bhima salvaġġa b’sebat irjus li tissemma’ f’Rivelazzjoni kapitlu 13?
It-tweġiba tal-Bibbja
Il-bhima salvaġġa b’sebat irjus li tissemma l-ewwel darba f’Rivelazzjoni 13:1 tirrappreżenta sistema politika dinjija.
Għandha awtorità, qawwa, u tron, u dan juri li hi organizzazzjoni politika.—Rivelazzjoni 13:2.
Taħkem fuq “kull tribù u poplu u lsien u ġens,” u għalhekk hi iktar minn gvern nazzjonali wieħed.—Rivelazzjoni 13:7.
Fiha taħlita tal-erbaʼ bhejjem deskritti fil-profezija f’Danjel 7:2-8, inkluż id-dehra taʼ leopard, saqajn t’ors, ħalq taʼ ljun, u għaxart iqrun. Il-bhejjem fil-profezija taʼ Danjel jiġu identifikati bħala slaten speċifiċi, jew saltniet politiċi, li jaħkmu wieħed wara l-ieħor fuq imperi. (Danjel 7:17, 23) B’hekk, il-bhima salvaġġa f’Rivelazzjoni kapitlu 13 tirrappreżenta organizzazzjoni magħmula minn ħafna qawwiet politiċi.
Il-bhima salvaġġa ‘titlaʼ mill-baħar.’ Dan ifisser li l-gvernijiet umani jiġu mill-bnedmin li ċaħdu lil Alla u li huma aggressivi.—Rivelazzjoni 13:1; Isaija 17:12, 13.
Il-Bibbja tgħid li n-numru, jew l-isem, tal-bhima—666—hu “numru taʼ bniedem.” (Rivelazzjoni 13:17, 18) Dan jagħtina x’nifhmu li l-bhima f’Rivelazzjoni kapitlu 13 hi umana u mhux xi spirtu jew demonju.
Għalkemm ftit huma l-affarijiet li jaqblu fuqhom il-ġnus, dawn huma magħqudin fid-determinazzjoni tagħhom li jżommu l-awtorità li għandhom minflok ma jissottomettu ruħhom għall-ħakma tas-Saltna t’Alla. (Salm 2:2) Ukoll, se jingħaqdu flimkien biex jiggwerraw kontra l-armati t’Alla, immexxijin minn Ġesù Kristu, f’Armageddon, imma din il-gwerra se twassal biex il-ġnus jinqerdu.—Rivelazzjoni 16:14, 16; 19:19, 20.
‘Għaxart iqrun u sebat irjus’
Ċerti numri jintużaw b’mod simboliku fil-Bibbja. Pereżempju, in-numri għaxra u sebgħa jirrappreżentaw xi ħaġa kompluta. “Xbieha tal-bhima salvaġġa” li tissemma iktar tard f’Rivelazzjoni—bhima lewn l-iskarlat li għandha sebat irjus u għaxart iqrun”—tgħinna biex nifhmu t-tifsira eżatta tal-‘għaxart iqrun u sebat irjus’ tal-bhima msemmija f’Rivelazzjoni kapitlu 13. (Rivelazzjoni 13:1, 14, 15; 17:3) Il-Bibbja tgħid li s-sebat irjus taʼ din il-bhima lewn l-iskarlat ifissru “sebaʼ slaten,” jew gvernijiet.—Rivelazzjoni 17:9, 10.
Bl-istess mod, is-sebat irjus tal-bhima f’Rivelazzjoni 13:1 jirrappreżentaw sebaʼ gvernijiet: il-qawwiet politiċi prinċipali li ddominaw tul l-istorja u li kienu minn taʼ quddiem f’li jopponu lin-nies t’Alla—l-Eġittu, l-Assirja, Babilonja, il-Medo-Persja, il-Greċja, Ruma, u l-Anglo-Amerika (jiġifieri, il-Britannja u l-Amerika flimkien). Jekk nikkonkludu li l-għaxart iqrun (li spiss jirrappreżentaw gvernijiet), jirrappreżentaw kull stat sovran, mill-kbir saż-żgħir, mela id-dijadema, jew kuruna (li tirrappreżenta l-awtorità u l-poter), fuq kull qarn turi li kull ġens jaħkem fl-istess żmien mal-qawwa politika prinċipali taʼ dak iż-żmien.