X’inhi r-ruħ?
It-tweġiba tal-Bibbja
Il-kelma “ruħ” fil-Bibbja hi traduzzjoni tal-kelma Ebrajka nefex u l-kelma Griega psike. Il-kelma Ebrajka letteralment tfisser “ħliqa li tieħu n-nifs,” u l-kelma Griega tfisser “ħliqa ħajja.” a Għalhekk, ir-ruħ hi l-ħliqa kollha kemm hi u mhux xi ħaġa ġo fina li tibqaʼ ħajja meta jmut il-ġisem. Ikkunsidra kif il-Bibbja turi li r-ruħ umana hi l-persuna kollha kemm hi:
Meta Alla Ġeħova ħalaq lill-ewwel bniedem, Adam, il-Bibbja tgħid li “l-bniedem sar ruħ ħajja.” (Ġenesi 2:7, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija l-Ewwel Edizzjoni) Adam ma ngħatax ruħ—hu sar ruħ, jew persuna, ħajja.
Il-Bibbja tgħid li r-ruħ tistaʼ taħdem, tixxennaq għall-ikel, tiekol, u tobdi liġijiet. (Levitiku 7:20; 23:30; Dewteronomju 12:20; Rumani 13:1) Dawn l-attivitajiet jinvolvu l-persuna kollha kemm hi.
Hija r-ruħ immortali?
Le, ir-ruħ tistaʼ tmut. Hemm bosta versi fil-Bibbja li jirreferu għar-ruħ bħala li hi mortali. Hawnhekk se ssib xi eżempji:
“Ir-ruħ li tidneb, tmut.”—Eżekjel 18:4, 20, Il-Bibbja Mqaddsa, Karm Żammit.
F’Iżrael tal-qedem, il-kastig għall-iktar reati gravi kien li ‘r-ruħ tiġi maqtugħa.’ (Eżodu 12:15, 19; Levitiku 7:20, 21, 27; 19:8) L-individwu kien “jingħata l-mewt.”—Eżodu 31:14.
Wara li persuna tmut, xi versi tal-Bibbja meta jirreferu għall-ġisem jużaw it-terminu letterali “ruħ mejta.” (Levitiku 21:11; Numri 6:6) Minkejja li ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja jużaw it-termini “ġisem mejjet” jew “persuna mejta” f’dawn il-versi, il-lingwa Ebrajka oriġinali tuża l-kelma nefex, jew “ruħ.”
Ir-“ruħ” tistaʼ tfisser “ħajja”
Il-Bibbja tuża wkoll il-kelma “ruħ” bħala sinonima għall-kelma “ħajja.” Pereżempju, Ġob 33:22 juża l-kelma Ebrajka għal “ruħ” (nefex) bħala kelma oħra għal “ħajja.” B’mod simili, il-Bibbja turi li r-ruħ taʼ individwu, jew ħajtu, tistaʼ tkun fil-periklu jew tintilef.—Eżodu 4:19, nota taʼ taħt; Imħallfin 9:17; Filippin 2:30.
L-użu tal-kelma “ruħ” b’dan il-mod jgħinna nifhmu versi li fihom jingħad li r-ruħ kienet “ħierġa.” (Ġenesi 35:18; GħBM.) Din l-espressjoni figurattiva tindika li l-ħajja tal-persuna qed tintemm. Xi traduzzjonijiet jittraduċu din l-espressjoni f’Ġenesi 35:18 b’dan il-mod: “Hi ħadet l-aħħar nifs taʼ ħajjitha.”—Good News Translation; New Jerusalem Bible.
Minn fejn ġej it-twemmin taʼ ruħ immortali?
Reliġjonijiet Kristjani li jemmnu f’ruħ immortali ma ġabux dan it-tagħlim mill-Bibbja imma minn filosofija Griega tal-qedem. L-Encyclopædia Britannica tgħid: ‘Referenzi Bibliċi għar-ruħ għandhom x’jaqsmu mal-idea li dak li jkun jieħu n-nifs u ma tagħmel l-ebda distinzjoni bejn ir-ruħ spiritwali u l-ġisem materjali. L-ideat Kristjani li l-ġisem u r-ruħ huma separati oriġinaw mill-Griegi tal-qedem.’
Alla ma jittollerax li t-tagħlim tiegħu jitħallat maʼ filosofiji umani, bħalma hu t-twemmin tar-ruħ immortali. Minflok, il-Bibbja twissi: “Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jaħtafkom taħt difrejh b’filosofija u qerq fieragħ skond it-tradizzjoni tal-bnedmin.”—Kolossin 2:8.
a Ara The New Brown, Driver, and Briggs Hebrew and English Lexicon of the Old Testament, paġna 659, u l-Lexicon in Veteris Testamenti Libros, paġna 627. Ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja jittraduċu l-kliem nefex u psike b’mod differenti skont il-kuntest, billi jużaw kliem bħal “ruħ,” “ħajja,” “persuna,” “ħliqa,” jew “ġisem.”