X’inhu l-irxoxt?
It-tweġiba tal-Bibbja
Fil-Bibbja, il-kelma tradotta bħala “rxoxt” tiġi mill-kelma Griega anastasis, li tfisser li wieħed “jerġaʼ jqum bilwieqfa.” Persuna li hija rxoxtata hija mqajma mill-mewt u terġaʼ tingħata l-ħajja bħala l-persuna li kienet qabel.—1 Korintin 15:12, 13.
Il-kelma “rxoxt” ma tinstabx fl-Iskrittura Ebrajka, spiss imsejħa t-Testment il-Qadim, imma t-tagħlim jidher hemmhekk. Pereżempju, permezz tal-profeta Ħosea, Alla wiegħed: “Minn taħt idejn il-Qabar se nifdihom; mill-mewt se nġibhom lura.”—Ħosea 13:14; Ġob 14:13-15; Isaija 26:19; Danjel 12:2, 13.
Fejn se jiġu rxoxtati n-nies? Xi wħud huma rxoxtati għal ħajja fis-sema biex imexxu bħala slaten ma’ Kristu. (2 Korintin 5:1; Rivelazzjoni 5:9, 10) Il-Bibbja dan tirreferi għalih bħala “l-ewwel irxoxt”. Dan jagħti x’jifhem li wara se jkun hemm irxoxt ieħor. (Rivelazzjoni 20:6; Filippin 3:11) Dan l-irxoxt se jkun għal ħajja fuq l-art, li l-maġġoranza taʼ dawk irxoxtati se jgawdu.—Salm 37:29.
In-nies kif inhuma rxoxtati? Alla ta lil Ġesù l-qawwa li jqajjem lin-nies mill-mewt. (Ġwanni 11:25) Ġesù se jagħti l-ħajja lil “dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira,” kull wieħed bl-identità, il-personalità, u l-memorji uniċi tiegħu. (Ġwanni 5:28, 29) Dawk irxoxtati fis-sema jirċievu ġisem bħal tal-anġli, filwaqt li dawk irxoxtati fuq l-art jirċievu ġisem fiżiku f’saħħtu u bla difett.—Isaija 33:24; 35:5, 6; 1 Korintin 15:42-44, 50.
Min se jiġi rxoxtat? Il-Bibbja tgħid li “se jkun hemm irxoxt kemm tan-nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) In-nies sewwa jinkludu lill-uħud leali bħal Noè, Sara, u Abraham. (Ġenesi 6:9; Ebrej 11:11; Ġakbu 2:21) Fost dawk li mhumiex sewwa hemm dawk li m’għexux fi qbil mal-livelli t’Alla imma li ma kellhomx l-opportunità li jitgħallmuhom u jimxu fi qbil magħhom.
Madankollu, dawk li jsiru tant mill-agħar li m’għandhom l-ebda tama li jinbidlu, mhumiex se jiġu rxoxtati. Meta wħud bħal dawn imutu, huma jsofru qerda permanenti mingħajr ebda tama taʼ rxoxt.—Mattew 23:33; Ebrej 10:26, 27.
Meta se jseħħ l-irxoxt? Il-Bibbja bassret li l-irxoxt għas-sema kellu jseħħ waqt il-preżenza taʼ Kristu, li bdiet fl-1914. (1 Korintin 15:21-23) L-irxoxt tal-ħajja fuq l-art se jseħħ waqt ir-Renju taʼ Elf Sena taʼ Ġesù Kristu, meta l-art tiġi magħmula ġenna.—Luqa 23:43; Rivelazzjoni 20:6, 12, 13.
It-twemmin fl-irxoxt għala hu raġunevoli? Il-Bibbja fiha disaʼ rakkonti dettaljati taʼ rxoxt, kull wieħed minnhom kellu x-xhieda preżenti. (1 Slaten 17:17-24; 2 Slaten 4:32-37; 13:20, 21; Luqa 7:11-17; 8:40-56; Ġwanni 11:38-44; Atti 9:36-42; 20:7-12; 1 Korintin 15:3-6) Wieħed minn dawn ir-rakkonti kien meta Ġesù rxoxta lil Lazzru. Dan hu speċjalment taʼ min jinnotah għax Lazzru kien ilu mejjet erbat ijiem u Ġesù għamel dan il-miraklu quddiem folla nies. (Ġwanni 11:39, 42) Anke dawk li opponew lil Ġesù ma setgħux jiċħdu dan il-fatt, u għalhekk ikkonfoffaw biex joqtlu kemm lil Ġesù u kemm lil Lazzru.—Ġwanni 11:47, 53; 12:9-11.
Il-Bibbja turi li Alla għandu kemm l-abbiltà u anke x-xewqa li jqajjem il-mejtin. Hu jżomm fil-memorja bla limitu tiegħu rekord dettaljat taʼ kull persuna li se jirxoxta permezz tal-qawwa straordinarja tiegħu. (Ġob 37:23; Mattew 10:30; Luqa 20:37, 38) Alla għandu l-abbiltà li jirxoxta l-mejtin lura għall-ħajja, u hu jrid jagħmel dan! Meta l-Bibbja tispjega l-irxoxt li ġej, tgħid dan dwar Alla: “Għal xogħol idejk int tixxennaq.”—Ġob 14:15.
Fehmiet żbaljati dwar l-irxoxt
Ħrafa: L-irxoxt huwa meta r-ruħ terġaʼ tingħaqad mal-ġisem.
Fatt: Il-Bibbja tgħallem li r-ruħ hija l-persuna sħiħa, mhux xi parti li tibqaʼ ħajja wara l-mewt. (Ġenesi 2:7, nota taʼ taħt; Eżekjel 18:4) L-individwu li huwa rxoxtat ma jerġax jingħaqad mar-ruħ tiegħu, iżda huwa maħluq mill-ġdid bħala ruħ ħajja.
Ħrafa: Xi nies huma rxoxtati u mbagħad meqrudin mill-ewwel.
Fatt: Il-Bibbja tgħid li “dawk li pprattikaw affarijiet vili” se jirċievu “rxoxt taʼ ġudizzju.” (Ġwanni 5:29) Però, huma se jiġu ġġudikati fuq dak li jagħmlu wara li jiġu rxoxtati, mhux qabel. Ġesù qal: “Il-mejtin jisimgħu leħen l-Iben t’Alla u dawk li jkunu taw kas, jgħixu.” (Ġwanni 5:25) Dawk li ‘jagħtu kas,’ jew jobdu, l-affarijiet li jitgħallmu wara li jiġu rxoxtati se jkollhom isimhom imniżżel fir-“romblu tal-ħajja.”—Rivelazzjoni 20:12, 13.
Ħrafa: Meta jiġi rxoxtat, l-individwu jirċievi l-istess ġisem eżatt li kellu qabel ma miet.
Fatt: Wara l-mewt, il-ġisem x’aktarx li jkun tmermer u sar trab.—Ekkleżjasti 3:19, 20.