IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Jekk ġenitur ikun marid
Ħafna żgħażagħ ma joqogħdux jaħsbu fuq li xi darba jridu jieħdu ħsieb lill-ġenituri tagħhom. Wara kollox, jaf jgħaddu s-snin qabel ma l-ġenituri tagħhom jibda jkollhom problemi taʼ saħħa.
Imma xi ngħidu jekk ommok jew missierek jimrad waqt li tkun għadek qed tikber? Ikkunsidra minn liema sitwazzjoni kellhom jgħaddu żewġ żgħażagħ.
L-istorja taʼ Emmaline
Ommi għandha l-Ehlers-Danlos syndrome (EDS), marda kronika u taʼ wġigħ li teffettwa l-arterji u l-vini, il-ġogi, u l-ġilda.
M’hemmx kura għal din il-marda, u f’dawn l-aħħar għaxar snin il-kundizzjoni taʼ ommi marret lura. Fil-fatt, kien hemm drabi li tant kellha l-livell tad-demm baxx li kienet tkun fil-periklu tal-mewt, jew ġieli l-uġigħ tant kien ikun qawwi li ma kinitx tkun trid tgħix iktar.
Jien u l-familja tiegħi Xhieda taʼ Ġeħova, u l-aħwa fil-kongregazzjoni vera huma taʼ faraġ għalina! Pereżempju, m’ilux tfajla tampari bagħtitilna kard biex tgħidilna li tħobbna u biex tassigurana li hi kienet dejjem se tkun hemm għalina. Kemm hi ħaġa sabiħa li jkollok ħabiba bħal din!
Il-Bibbja kienet t’għajnuna kbira għalija. Pereżempju, waħda mill-iskritturi favoriti tiegħi hi Salm 34:18, li tgħid: “Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma.” Oħra qiegħda f’Ebrej 13:6, li tgħid, “Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ.”
L-iskrittura t’Ebrej tfisser ħafna għalija. L-ikbar biżaʼ li għandi hi li nitlef lil ommi fil-mewt. Inħobbha ħafna, u jien grata taʼ kull ġurnata li nqattaʼ magħha. Dan il-vers tal-Bibbja jgħinni nirrealizza li jien nistaʼ niffaċċja l-futur b’kuraġġ, jiġri x’jiġri.
Imma għandi biżaʼ oħra. Xi ħaġa dwar l-EDS hi li din hija ereditarja. Ommi ħaditha mingħand ommha, u jien ħadtha mingħand ommi. Hekk hu—jien ukoll għandi l-EDS. Imma Ebrej 13:6 jassigurani li anke f’din il-ħaġa “Ġeħova hu dak li jgħinni.”
Sadanittant, nipprova napprezza dak li għandi issa u ma ngħixx fil-passat—jew noqgħod ninkwieta fuq il-futur. Jekk noqgħod inqabbel x’kienet tistaʼ tagħmel ommi qabel maʼ dak li tistaʼ tagħmel issa, jaqbduni dwejjaq kbar. Il-Bibbja tgħid li l-provi li niffaċċjaw huma ‘mumentanji u ħfief’ meta nqabbluhom mat-tama taʼ ħajja taʼ dejjem mingħajr mard.—2 Korintin 4:17; Rivelazzjoni 21:1-4.
Aħseb dwar dan: X’jgħin lil Emmaline iżżomm attitudni pożittiva? Kif tistaʼ int tibqaʼ pożittiv meta tiffaċċja sitwazzjonijiet diffiċli?
L-istorja taʼ Emily
Meta kont fis-sekondarja, missieri beda jbati għall-ewwel darba mid-dipressjoni. Kien qisu sar persuna oħra. Minn dakinhar, missieri beda jkollu mumenti taʼ dwejjaq kbar, biżaʼ kbira, u attakki taʼ ansjetà. Issa, ilu 15-il sena jbati minn dan. Nistaʼ nimmaġina kemm hi diffiċli għalih li filli jkun sew u filli jħoss dwejjaq kbar, avolja hu jaf li m’hemm l-ebda raġuni valida għala għandu jħossu hekk!
Aħna Xhieda taʼ Ġeħova, u l-aħwa fil-kongregazzjoni tagħna huma taʼ sapport kbir għalina. Sħabna fit-twemmin juruna qalb tajba u jifhmuna, u lil missieri ħadd qatt ma ġiegħlu jħossu li ma jiswa għal xejn fil-kongregazzjoni. Meta nara kif missieri qed jiġġieled din il-prova, iġegħelni nħobbu ħafna iktar.
Nimmissja kemm kien kuntent missieri qabel, li ma kienx jinħakem mill-ansjetà u jbati minn dan kollu. Vera jiddispjaċini li hu jkollu jiġġieled kuljum maʼ dan l-għadu li hemm biss f’moħħu.
Minkejja dan, missieri jagħmel sforz kbir biex iżomm ħarsa pożittiva. M’ilux, waqt li kien għaddej minn perijodu ikrah tad-dipressjoni, hu għamel mira li jaqra parti mill-Bibbja kuljum, anke jekk kienu ftit versi biss. Dan saħħu bil-kbir. Għalkemm tidher li kienet xi ħaġa żgħira li għamel, l-effett li ħalliet fuq ħajtu kien tal-għaġeb. Qatt ma ħassejtni kburija b’missieri daqs kemm kont matul dak iż-żmien diffiċli.
Togħġobni ħafna l-iskrittura taʼ Neħemija 8:10, li tgħid: “Il-ferħ taʼ Ġeħova hu l-fortizza tagħkom.” Dan hu tassew minnu. Il-ferħ li nħoss meta nkun mal-kongregazzjoni, meta nipparteċipa u nieħu sehem sħiħ, jgħinni meta nkun imdejqa u jimlieli l-vojt li nkun qed inħoss. Dan itini s-saħħa li jkolli bżonn fil-ġurnata. L-eżempju taʼ missieri għallimni li kull ħaġa li niffaċċja, Ġeħova se jkun dejjem hemm lest biex jgħinni.
Aħseb dwar dan: Emily kif kienet taʼ sapport għal missierha matul il-marda tiegħu? Int kif tistaʼ tgħin lil xi ħadd li qed ibati mid-dipressjoni?