IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Kif Nistaʼ Nevita li Naħseb Ħażin?
X’taħseb dwarek innifsek?
Pożittiv
“Nipprova nkun ferħana u relaxed kemm jistaʼ jkun. Għala m’għandux ikolli tbissima fuq wiċċi kuljum?”—Valerie.
Negattiv
“Meta tiġri xi ħaġa tajba, mill-ewwel naħseb li ma tistax tkun vera.”—Rebecca.
Realistiku
“Jekk naħseb fit-tajjeb biss, dejjem se nkun diżappuntata meta l-affarijiet ma jmorrux kif xtaqt. U jekk naħseb fil-ħażin biss, dejjem se nkun imdejqa. Li nkun realistika jgħinni nara l-affarijiet kif verament huma.”—Anna.
Għala hu importanti?
Il-Bibbja tgħid li “min iħossu tajjeb f’qalbu jinsab f’festa l-ħin kollu.” (Proverbji 15:15) B’mod ċar, nies li ma jkunux negattivi u jħarsu lejn il-ħajja b’mod pożittiv normalment ikunu iktar ferħanin. Huma għandhom ċans li iżjed jagħmlu ħbieb. Wara kollox, min irid iqattaʼ l-ħin maʼ xi ħadd imdejjaq?
Imma anki jekk int l-iżjed persuna pożittiva, xorta jinqalgħu affarijiet diffiċli fil-ħajja. Pereżempju:
Fl-aħbarijiet tismaʼ rapporti negattivi li qed iseħħu madwar id-dinja bħal global warming, gwerer, terroriżmu, jew kriminalità.
Jaf għandek tiffaċċja problemi fil-familja.
Forsi għandek affarijiet li trid ittejjeb fil-personalità tiegħek.
Ħabib jaf weġġgħek b’dak li qal jew għamel.
Minflok tinjora dawn il-problemi jew tiffissa fuqhom, ipprova ħares lejhom b’mod realistiku. Meta tħares lejn l-affarijiet b’mod realistiku, se tevita ħsibijiet negattivi għalxejn u se taċċetta r-realtà mingħajr ma taqaʼ ħażin.
Dak li tistaʼ tagħmel
Kun realistiku miegħek innifsek.
Il-Bibbja tgħid: “M’hemm l-ebda bniedem ġust fuq l-art li dejjem jagħmel it-tajjeb u ma jidnibx,” jew ma jiżbaljax. (Ekkleżjasti 7:20) Il-fatt li tiżbalja juri li int persuna normali, u mhux li ma tiswa xejn.
Kif tkun realistiku: Ipprova tejjeb lilek innifsek imma tistenniex li ħa tkun perfett. “Nipprova nevita li nhewden fuq l-iżbalji tiegħi,” jgħid żagħżugħ jismu Caleb. “Minflok, nipprova nitgħallem minnhom biex nara kif nistaʼ nsir persuna aħjar.”
Evita li tqabbel.
Il-Bibbja tgħid: “Ħa ma nintefħux bina nfusna, għax b’hekk inqanqlu l-kompetizzjoni bejnietna, u ngħiru għal xulxin.” (Galatin 5:26) Meta toqgħod tħares lejn ir-ritratti fuq is-social media taʼ x’inhuma jagħmlu oħrajn u taʼ fejn ma kontx mistieden, inti jaf tħossok irrabjat. Dan jistaʼ jġiegħlek tħossok li l-ħbieb tiegħek mhux vera jriduk.
Kif tkun realistiku: Aċċetta l-fatt li mhux se tkun mistieden għal kull ħaġa li ssir. U apparti minn hekk, fuq is-social media ma tarax l-istorja kollha. Żagħżugħa jisimha Alexis tgħid: “Fuq is-social media kulma jitfgħu hu l-aħjar mumenti taʼ ħajjithom, u mhux affarijiet taʼ kuljum.”
Żid il-paċi—speċjalment fil-familja.
Il-Bibbja tgħid: “Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi mal-bnedmin kollha.” (Rumani 12:18) Ma tistax tikkontrolla kif jaġixxu oħrajn, imma tistaʼ tikkontrolla kif taġixxi int. Inti tistaʼ tagħżel li żżomm il-paċi.
Kif tkun realistiku: Agħmel sforz biex il-problemi fil-familja ma tagħmilhomx agħar milli huma. Imma żomm il-paċi mal-familja bħalma kieku tagħmel mal-ħbieb tiegħek. “Ħadd mhu perfett u kulħadd se jqabbiżha lil xi ħadd xi darba jew oħra,” tgħid żagħżugħa jisimha Melinda. “Huwa f’idejna li niddeċiedu jekk hux se naħdmu għall-paċi jew le.”
Uri li tapprezza.
Il-Bibbja tgħid: “Uru li intom grati.” (Kolossin 3:15) Jekk inti tapprezza, se tiffoka fuq dak li hu tajjeb f’ħajtek flok dak li ma jogħġbokx.
Kif tkun realistiku: Aċċetta l-problemi tiegħek, imma tinjorax dak kollu li għandek tajjeb f’ħajtek. “Kuljum nikteb xi ħaġa pożittiva fuq id-diary tiegħi,” tgħid żagħżugħa jisimha Rebecca. “Irrid infakkar lili nnifsi li għandi ħafna affarijiet pożittivi fuq xiex naħseb.”
Aħseb fuq il-ħbieb li għandek.
Il-Bibbja tgħid: “Kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.” (1 Korintin 15:33) Meta tqattaʼ ħafna ħin maʼ nies li jgergru fuq kollox u huma sarkastiċi, l-attitudni negattiva tagħhom se teffettwak.
Kif tkun realistiku: Il-ħbieb se jgħaddu minn żmien diffiċli, u għal xi żmien jaf ikunu negattivi f’ħajjithom. Agħmel li tistaʼ biex tgħinhom, imma tħallix il-problemi tagħhom jeffettwawk ħafna. “M’għandniex inqattgħu l-ħin tagħna biss maʼ nies li huma negattivi,” tgħid żagħżugħa jisimha Michelle. “Fil-maths, meta tgħodd żewġ numri fin-negattiv, se tispiċċa b’numru ikbar fin-negattiv.”
Aqra iktar dwar dan
Aħna qed ngħixu f’dak li l-Bibbja tiddeskrivih bħala “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Issibha diffiċli biex tkun pożittiv f’dinja tant negattiva? Aqra “Għala hawn daqstant tbatija?”