Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għandhom regoli dwar l-għerusija?
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu li l-prinċipji u l-kmandi li nsibu fil-Bibbja jistgħu jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Alla kif ukoll ikunu taʼ ġid għalina. (Isaija 48:17, 18) Dawn il-prinċipji u l-kmandi ma vvintajnihomx aħna, imma ngħixu fi qbil magħhom. Ikkunsidra kif ftit minnhom għandhom x’jaqsmu mas-suġġett tal-għerusija. a
Iż-żwieġ hu rabta dejjiema. (Mattew 19:6) Peress li bħala Xhieda taʼ Ġeħova nqisu l-għerusija bħala pass lejn iż-żwieġ, allura niħduha bis-serjetà.
L-għerusija hi biss għal min hu kbir biżżejjed biex jiżżewweġ. Uħud bħal dawn ‘ikunu għaddew il-fjur taż-żgħożija,’ iż-żmien li fih ix-xewqat sesswali jkunu fl-aqwa tagħhom.—1 Korintin 7:36.
Dawk li joħorġu maʼ xi ħadd iridu jkunu ħielsa li jiżżewġu. Xi nies li ħadu d-divorzju xorta waħda jistaʼ jkun li mill-ħarsa t’Alla ma jkunux meħlusa biex jerġgħu jiżżewġu, għax l-unika bażi valida għal divorzju skont il-livelli tiegħu hi l-immoralità sesswali.—Mattew 19:9.
Il-Kristjani li jridu jiżżewġu huma kmandati li jagħżlu biss lil xi ħadd tal-istess twemmin. (1 Korintin 7:39) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma jqisux li dan il-kmand jirreferi għal xi ħadd li sempliċement jirrispetta t-twemmin tagħna, imma għal xi ħadd li hu Xhud mgħammed u li jgħix fi qbil maʼ dan it-twemmin. (2 Korintin 6:14) Alla dejjem qal lill-aduraturi tiegħu biex jiżżewġu biss lil dawk li għandhom l-istess twemmin. (Ġenesi 24:3; Malakija 2:11) Dan il-kmand hu prattiku wkoll, bħalma sabu xi riċerkaturi fi żmienna. b
It-tfal għandhom jobdu l-ġenituri tagħhom. (Proverbji 1:8; Kolossin 3:20) Għat-tfal li jgħixu d-dar, dan il-kmand jinkludi li jobdu d-deċiżjonijiet tal-ġenituri tagħhom dwar jekk joħorġux maʼ xi ħadd. Dan forsi jinkludi l-età li t-tifel jew it-tifla tkun tistaʼ tibda toħroġ maʼ xi ħadd u x’attivitajiet jistgħu jieħdu sehem fihom.
Dment li jkun fi qbil mal-Iskrittura, ix-Xhieda jiddeċiedu personalment jekk jixtiqux joħorġu maʼ xi ħadd. Dan hu fi qbil mal-prinċipju: “Kull wieħed iġorr it-tagħbija [jew, ir-responsabbiltà] tiegħu.” (Galatin 6:5) Xorta waħda, meta jkunu se joħorġu maʼ xi ħadd, ħafna b’għaqal jieħdu pariri mingħand Xhieda maturi li jixtiqulhom il-ġid.—Proverbji 1:5.
Ħafna prattiki komuni li jagħmlu nies li jkunu qed joħorġu flimkien fil-fatt huma dnubiet serji. Pereżempju, il-Bibbja tikkmandana biex nevitaw l-immoralità sesswali. Dan ma jinkludix biss l-att sesswali imma wkoll atti oħrajn mhux nodfa bejn nies mhux miżżewġin, bħal tmesmis tal-organi ġenitali taʼ persuna oħra, sess orali, jew sess anali. (1 Korintin 6:9-11) Saħansitra tqanqil passjonali bejn uħud mhux miżżewġin li jieqaf qabel ma jsir immoralità sesswali hu “nuqqas taʼ ndafa” li ma jogħġobx lil Alla. (Galatin 5:19-21) Il-Bibbja tikkundanna wkoll konversazzjonijiet immorali li jkun fihom “kliem oxxen.”—Kolossin 3:8.
Il-qalb, jew il-persuna ġewwinija, hi qarrieqa. (Ġeremija 17:9) Din tistaʼ twassal lil dak li jkun biex jagħmel affarijiet li jaf li huma ħżiena. Biex ma jħallux lil qalbhom tqarraq bihom, koppji li jkunu qed joħorġu flimkien jagħmlu tajjeb li jevitaw li jkunu waħedhom f’ċerti sitwazzjonijiet. Huma għandhom mnejn jagħżlu li jipproteġu ruħhom billi joħorġu maʼ xi grupp jew jieħdu lil xi ħadd responsabbli magħhom. (Proverbji 28:26) Il-Kristjani mhux miżżewġin li qed ifittxu lil xi ħadd biex jiżżewġuh jirrikonoxxu r-riskji li fihom il-Websajts li jintużaw għal dan, speċjalment ir-riskju li jiżviluppaw relazzjoni maʼ xi ħadd li jafu ftit li xejn dwaru.—Salm 26:4.
a L-għerusija mhix xi ħaġa li ssir f’kull kultura. Il-Bibbja ma tgħidx li bilfors irridu nitgħarrsu biex niżżewġu.
b Pereżempju, artiklu fil-ġurnal Marriage & Family Review qal li mit-tliet studji li saru fuq koppji li ilhom miżżewġin bejn 25 u 50 sena jew iktar sabu li fattur importanti biex iż-żwieġ kien taʼ suċċess hu li kellhom l-istess twemmin reliġjuż.—Volum 38, l-1 ħarġa, paġna 88 (2005).