Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Kif Iħarsu Lejn l-Edukazzjoni?
Aħna nibbażaw il-ħarsa tagħna lejn l-edukazzjoni fuq il-prinċipji li nsibu fil-Bibbja. Kull Xhud juża l-kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-Bibbja biex jiddeċiedi kif se japplika l-prinċipji divini bħal dawn li ġejjin. a
L-edukazzjoni hi importanti ħafna
L-edukazzjoni tgħin persuna biex tiżviluppa “l-għerf prattiku u l-abbiltà li taħseb,” kwalitajiet li l-Bibbja tfaħħarhom ħafna. (Proverbji 2:10, 11; 3:21, ntt., 22) Iktar minn hekk, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu biex ikunu għalliema tal-affarijiet li kkmandahom jagħmlu. (Mattew 28:19, 20) B’hekk, aħna nħeġġu u ngħinu lil dawk fil-kongregazzjoni biex ikollhom edukazzjoni tajba, inkluż li jkunu jafu jiktbu, jaqraw, u jikkomunikaw b’mod tajjeb, b kif ukoll li jkollhom għarfien dwar reliġjonijiet u kulturi oħra.—1 Korintin 9:20-22; 1 Timotju 4:13.
Anki l-gvernijiet jaraw il-valur tal-edukazzjoni, u għalhekk spiss jagħmlu l-iskola primarja u sekondarja obbligatorja. Aħna nobdu dawn il-liġijiet fi qbil mal-kmand: “Ħa tkun kull ruħ sottomessa lejn l-awtoritajiet superjuri,” jew il-gvernijiet. (Rumani 13:1) Barra minn hekk, aħna nħeġġu lit-tfal biex jirsistu fl-iskola u jagħmlu l-almu tagħhom u ma jkunux kuntenti bl-inqas possibbli. c Bħalma tgħid il-Kelma t’Alla: “Kull ma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom bħallikieku lill-Mulej u mhux lill-bnedmin.”—Kolossin 3:23, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.
L-edukazzjoni tgħinna nipprovdu għall-familji tagħna. Skont il-Bibbja, “jekk xi ħadd ma jipprovdix għal tiegħu, u speċjalment għall-membri taʼ daru, ikun ċaħad il-fidi u jkun agħar minn bniedem mingħajr fidi.” (1 Timotju 5:8) L-edukazzjoni sekulari tistaʼ tgħinna nwettqu dan l-obbligu sagru li nmantnu l-familji tagħna. Bħalma tgħid The World Book Encyclopedia, skop prinċipali tal-edukazzjoni hu li “tgħin lin-nies biex isiru membri produttivi tas-soċjetà . . . bħal ħaddiema fl-ekonomija.” Individwu tas-sengħa u bi kwalifiki jistaʼ jipprovdi għal familtu b’mod iktar faċli u taʼ min joqgħod fuqu iktar minn individwu li m’għandux sengħa u edukazzjoni bażika.—Proverbji 22:29.
Il-ġenituri jipprovdu għal uliedhom ukoll billi jippreparawhom għal meta jikbru, u l-iskola hi imprezzabbli f’dan ir-rigward. (2 Korintin 12:14) Aħna ninkuraġġixxu lill-ġenituri biex jipprovdu edukazzjoni għal uliedhom anki f’postijiet fejn din ma tiġix provduta b’xejn, tkun diffiċli biex tiksibha, jew tmur kontra l-kultura tal-post. d Aħna nagħtu wkoll suġġerimenti prattiċi dwar kif il-ġenituri jistgħu jinvolvu ruħhom fl-edukazzjoni taʼ wliedhom. e
L-edukazzjoni għandha titqies b’mod realistiku
Aħna neżaminaw bir-reqqa l-għażliet taʼ edukazzjoni sekulari. Il-Bibbja tgħid: “Kulmin hu bla esperjenza jafda f’kull kelma li jismaʼ, imma min hu prudenti jqis il-passi tiegħu.” (Proverbji 14:15) Aħna napplikaw dan il-prinċipju billi neżaminaw bir-reqqa l-għażliet li jkun hemm disponibbli taʼ edukazzjoni mhux obbligatorja u billi naraw il-pożittiv u n-negattiv taʼ kull waħda. Pereżempju, kors għal xi sengħa partikulari fuq perjodu raġunevoli taʼ żmien, spiss jistaʼ jkun taʼ valur.
L-edukazzjoni spiritwali għandha iktar valur mill-edukazzjoni sekulari. B’differenza għall-edukazzjoni sekulari, edukazzjoni bbażata fuq il-Bibbja tagħti l-għarfien dwar Alla li jsalva l-ħajjiet. (Ġwanni 17:3) Din tgħallem ukoll valuri morali, jiġifieri “s-sewwa u l-ġustizzja u dak li hu rett, kulma għandek tagħmel biex timxi tajjeb.” (Proverbji 2:9) L-appostlu Pawlu rċieva edukazzjoni li llum tistaʼ titqabbel maʼ dik tal-università, madankollu hu rrikonoxxa “l-valur imprezzabbli taʼ l-għarfien dwar Kristu Ġesù.” (Filippin 3:8; Atti 22:3) Bl-istess mod illum, ħafna Xhieda taʼ Ġeħova rċivew edukazzjoni sekulari avvanzata, madankollu jemmnu li l-edukazzjoni spiritwali tagħhom għandha iktar valur. f
L-edukazzjoni għolja tistaʼ twassal għal perikli morali u spiritwali
Proverbju tal-Bibbja jgħid: “Min hu prudenti jara l-gwaj u jinħeba.” (Proverbji 22:3) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jħossu li l-ambjent f’xi universitajiet jew postijiet taʼ edukazzjoni għolja jistaʼ jkun taʼ periklu morali u spiritwali. Għal din ir-raġuni, ħafna Xhieda jagħżlu li ma jinvolvux ruħhom jew lit-tfal tagħhom f’ambjent bħal dan. Huma jħossu li f’postijiet taʼ edukazzjoni għolja, spiss jiġu inkuraġġiti ideat żbaljati bħal dawn li ġejjin:
Idea żbaljata: Il-flus iġibu ferħ u sigurtà
L-edukazzjoni għolja spiss tiġi inkuraġġita bħala l-iktar mod ċert għal xogħol b’paga tajba ħafna, u għalhekk numru li dejjem jiżdied taʼ studenti jmorru l-università primarjament biex jaqilgħu iżjed flus. Xi wħud jittamaw li l-flus se jġibulhom kuntentizza u sigurtà, madankollu l-Bibbja turi li raġunar bħal dan mhux minnu. (Ekkleżjasti 5:10) Iktar importanti minn dan, il-Bibbja tgħallem ukoll li “l-imħabba għall-flus hi l-għerq taʼ kull tip taʼ ħsara” u spiss twassal biex wieħed jitlef il-fidi. (1 Timotju 6:10) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jagħmlu kull sforz biex jevitaw li jinqabdu mill-“qawwa qarrieqa tar-rikkezzi.”—Mattew 13:22.
Idea żbaljata: Persuna għandha tara li tikseb l-unur jew l-istat soċjali li jiġi permezz taʼ edukazzjoni għolja
Pereżempju, dwar il-ħarsa komuni f’pajjiżu, Nika Gilauri, eks prim ministru tal-Georgia, kiteb: “Li tiggradwa mill-università hija xi ħaġa kważi obbligatorja bħala indikazzjoni tal-istat soċjali fil-Georgia. . . . [Fil-passat,] iż-żgħażagħ li ma ggradwawx kienu l-għajb tal-familja tagħhom.” g B’kuntrast, il-Bibbja twissi kontra dawk li jfittxu l-prominenza f’din id-dinja. Lill-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu li kienu qed ifittxu l-glorja għalihom infushom, Ġesù qal: “Kif tistgħu temmnu, meta qed taċċettaw glorja mingħand xulxin?” (Ġwanni 5:44) L-ambjent tal-università jistaʼ jippromwovi l-kburija, xi ħaġa li Alla jobgħod.—Proverbji 6:16, 17; 1 Pietru 5:5.
Idea żbaljata: Kull persuna għandha dritt tara hi x’inhu tajjeb jew ħażin
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jipprovaw jgħixu skont dak li Alla jgħid li hu tajjeb jew ħażin. (Isaija 5:20) Madankollu, skont artiklu ppubblikat mill-Journal of Alcohol and Drug Education, ħafna studenti f’universitajiet jaslu biex “jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra l-għarfien li kellhom qabel taʼ x’inhu tajjeb jew ħażin” minħabba pressjoni minn dawk tamparhom. h Dan jaqbel mal-prinċipju tal-Bibbja: “Kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.” (1 Korintin 15:33) Fl-universitajiet, prattiki li jobgħod Alla, bħas-sokor, abbuż mid-drogi, u sess barra ż-żwieġ spiss huma komuni, u saħansitra inkuraġġiti.—1 Korintin 6:9, 10; 2 Korintin 7:1.
Idea żbaljata: L-edukazzjoni għolja hi l-aqwa mod biex id-dinja tmur għall-aħjar
Aħna nifhmu li ħafna jipprovaw ikollhom edukazzjoni għolja mhux biex isiru sinjuri, famużi, jew jieħdu pjaċir b’affarijiet mhux xierqa, imma biex itejbu lilhom infushom u d-dinja. Dawn huma miri tajbin, imma x-Xhieda taʼ Ġeħova għażlu triq differenti. Bħal Ġesù, aħna tal-fehma li s-Saltna t’Alla hi l-unika tama għal dinja aħjar. (Mattew 6:9, 10) Madankollu, għalkemm qed nistennew is-Saltna biex issolvi l-problemi tad-dinja, aħna xorta qed nagħmlu xi ħaġa. Bħal Ġesù, qed naqsmu “din l-aħbar tajba tas-saltna” madwar id-dinja. B’hekk, kull sena ngħinu eluf t’eluf taʼ nies biex ibiddlu ħajjithom għall-aħjar. i—Mattew 24:14.
a Żgħażagħ Xhieda li għadhom jgħixu d-dar għandhom jagħmlu skont kif ikunu jixtiequ l-ġenituri tagħhom rigward l-edukazzjoni, dment li dawn ix-xewqat ma jmorrux kontra l-liġijiet t’Alla.—Kolossin 3:20.
b Infatti, aħna ppubblikajna iktar minn 11-il miljun kopja taʼ letteratura biex ngħinu lin-nies jaqraw u jiktbu, bħall-browxer Apply Yourself to Reading and Writing. Barra minn hekk, nikkonduċu lezzjonijiet b’xejn madwar id-dinja b’120 lingwa. Fil-fatt, bejn l-2003 u l-2017, għallimna iktar minn 70,000 ruħ jaqraw u jiktbu.
c Ara l-artiklu “Għandi Nitlaq mill-Iskola?”
d Pereżempju, aħna ninkuraġġixxu lill-ġenituri biex jibagħtu l-iskola kemm lil uliedhom subien kif ukoll lill-bniet. Ara l-artiklu “Għandhom Uliedi Jmorru l-Iskola?” f’It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Marzu 2003.
e Ara l-artiklu “Kif tgħin lit-tfal tiegħek imorru aħjar fl-eżamijiet.”
f Ara s-sezzjoni “Fehmiet dwar l-oriġini tal-ħajja” fuq jw.org.
g Practical Economics: Economic Transformation and Government Reform in Georgia 2004—2012, paġna 170.
h Volum 61, Nru. 1, April 2017, paġna 72.
i Għal eżempji veri tal-qawwa tal-Kelma t’Alla u l-messaġġ tas-Saltna, ara s-sezzjoni “Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet” fuq jw.org.